Saturday, July 5, 2008

Il-Ħadd filgħodu

S'issa ma nistax ngħid li l-weekend kien xi ħaġa specjali. Il-mara kellha 'il-fuq minn 39C deni u tlifna l-ħarġa tas-sena ma tax-xogħol ġo l-Intercontinental Hotel. Nsomma weekend ġewwa.

Ili ma nżid xi kitba f'din il-paġna. L-aħħar li kont ktibt kien fuq it-Tibet u dan kien f'jum il-ħelsien. Għadda ż-żmien, għaddiet it-torca olimika u qisu bħal reġa' ntesa' kollox dwar it-tbgħatija tan-nies tat-Tibet. Dwar il-jasar u l-ħakma Ciniza. Dwar in-nuqqas ta' liberta' li hemm ġo c-Cina. Dwar pajjiz millenarju, maħkum minn partit wieħed. Dwar l-ipokreżija u l-inkonsistenza tal-politika Amerikana. U ukoll dwar l-impotenza tal-bqija tad-dinja fil-konfront tal-partit Kommunista Ciniz.

Issa min ser ifakkar lid-Dinja? Min ser jitkellem u jaħdem fuq in-naħa tal-popli mjassra? Tal-Palestina. Taż-Żimbabwe. Ta' Kuba. Tat-Tibet. Tgħid mhux Ġorġ Bush jew Bin Laden!

Issa qed inħalsu biz-zalza iż-żejt, u li ma rridux li l-Iran ikompli jaħdem fuq l-energija atomika sabiex npaxxu lil l-Israeljani u l-Amerikani. X'ser isir minna? Nfakkar li l-uniku pajjiż li uza arma nukleari kienu proprja l-USA. Smajna bosta skuzi għalfejn ntiżaw mhux waħda iżda żewġ bombi atomici pero jibqa' l-fatt tal-mejtin kollha f'Hiroshima u f'Nagasaki.

Din l-UE b'bosta taxxi, b'bosta politici, b'bosta paroli u b'biżibilju policies, u b'saħħa ta' xejn, fejn ser twassalna? Taxxi fuq il-fuel, żiedu l-interessi, inflazjoni għolja u Ewro b'saħħa qawwija. Aħna mslaba. U dawk ġo Brussel u Strasbourg x'qed jagħmlu? Jafuħ dan kollu?

Issa, hawn f'Malta qed isir? Mhux ndaħħlu xi balla taxxi ndiretti? Mhux xi balla multi? Hekk saru jafu jagħmlu biex mbgħad jgħidulna "finanzi fis-sod". U ħallina Dr. Gonzi! Il-poplu mhux slogan. U ma jidhirlix li qed tmexxi bil-maggoranza tal-poplu warajk. Donnu malajr li nsejt l-1981 u ġlied tas-snin tmenin u s-solgan "tal-minoranza".

Għalfejn ma jkunx hawn rieda politika sabiex Malta tħaddem l-LPG fid-djar u l-karozzi pubblici u privati? L-LPG huwa s-soluzjoni għal-llum biex ntejbu l-ambjent u nnaqsu d-dipendenza tagħna minn fuq il-petrol u d-diesel.

Monday, March 31, 2008

Tenzin Gyatso

Illum huwa jum il-Ħelsien. Għamilt bosta xogħol hawn id-dar u issa poġġejt bilqgħeda quddiem il-PC u mort fuq Wikipedia fejn dejjem issib xi artiklu nteressanti. Tgħallimt li fit-tieni gwerra dinjija, kien hemm bosta ġlied bejn ir-resistenza Pollakka u il-ġirien tagħhom tal-Litwanja li kienu pro-Nazi. Tgħallimt ukoll li fl-1994, tal-Porsche rebħu l-24 siegħa ta' Le Mans billi daru mar-regoli.

Peress li llum hija ġurnata memorabbli għal pajjiżna għax ħlisna minn l-aħħar simbolu ta' ħakma barranija, mort nara x'ġara bħal illum fl-istorja tad-dinja. U ssib lista ġmiela ta' avvenimenti li seħħew fil-31 ta' Marzu. L-iktar li laqtitni hija din:

"1959 - The 14th Dalai Lama, Tenzin Gyatso, crosses the border into India and is granted political asylum."

Ma kontx naf li d-Dalai Lama jismu Tenzin Gyatso. Tgħallimt ħaġa oħra llum! Iżda tgħallimt li meta aħna qed niccelebraw il-ħelsien tagħna minn l-armata Ingliża u jasar tal-ħakem barrani, għad baqa' wisq popli mjassra. :-(

Llum għanda tkun ukoll ġurnata ta' speranza kbira għal poplu tat-Tibet, li tilef il-liberta' tiegħu biex ic-Cina tirkupra l-istatus tagħha wara snin twal ta' ġlied ma' l-imperu Ġappuniż u anke ġlied intern. Ħasra li l-vittma kellu jkun anke' t-Tibet.

Barra t-Tibet, hemm ġnus oħra li jbgħatu l-jasar ta' ħakma barranija jew mkecca l-barra minn arthom. Nsemmi l-Palestinjani. Nsemmi l-Armeni. Nsemmi l-popli originarji ta' l-Amerika. Nsemmi l-aborigini ta' l-Awstralja. Dawn diġa huma ħafna u żżejjed. U żgur li hemm bosta popli oħra u nies li għandhom ifitxu l-ħelsien.

Thursday, March 6, 2008

Illum: il-ġurnata tar-riflessjoni.

Mela wara ħafna paroli, piki ta' min l-iktar ser l-iktar inaqqas taxxi u min ser l-iktar jeqred il-korruzjoni u fuq kollox, ta' bosta il-ħmieġ; illum waslet l-ġurnata tar-riflessjoni, u mal-weekend ser tinqata' is-sentenza.

Ktibt żewġ kelmiet (Dak li nafu) f'Jannar, ftit qabel ma bdiet il-kampanja elettorali. Issa jidher iktar car li m'hu ser jinbidel xejn minn dak li ktibt... naħseb li ħadd mill-partiti (il-kbar) ma semma xi ħaġa fuq dawk il-punti hekk importanti. U f'din il-ġurnata ta' riflessjoni nara li għaddew u nħlew 4 ġimgħat ta' ħmieġ u ipokreżija. Ħasra, li din l-art ħelwa, iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qeda tiqras.

Qed nara kif wiehed vera jista' jsib lilu nnifsu f'dawn il-blogs. Wieħed ikun jista' iktar facilment jiftakar il-ħsiebijiet tiegħu hekk kif kienu f'dak inhar (mingħajr indħil barrani). Ngħiduha kif hini: hawn Malta difficli taħrab minn l-ispirtu ta' l-elezjoni, u xi ftit jew wisq, f'dan il-paroli, ħornijiet u għajjat kollu, facli li wieħed jitlef kultant it-triq.

Issa li qed nagħmel din r-riflessjoni, u wara li qrajt x'kont ktibt... jiena erġajt sibt it-triq.

Grazzi blogspot.com

Wednesday, January 30, 2008

Dak li nafu

Kemm il-darba niltaqgħu ma nies li jqażżuk bid-diskors tagħhom?

Jqaġġuk b'diskors li (mingħalijhom) jaf ħafna u kollox. U int, int li tkun studjat jew b'xi mod urejt interess f'dak is-suggett partikolari taf li qed jgħidu bosta cucati u l-istonku jibda' jitqalleb għax ma tkunx tista' tgħidilhom xejn... u jekk tgħid xi ħaġa jippruvaw iwaqqawk għac-cajt, imsieken: minflok jippruvaw jitgħalmu.

Anke jekk tkun studjat... xorta hemm fejn tista' titgħallem u fejn dak li tagħallimt ma jkunx bilfors tajjeb u japplika dajjem. Heq... sekli ilu kienu jitgħalmu li d-dinja hija catta, jew fit-teorija (biss) hija tonda... ara kemm tgħallimna minn dak iż-żmen!

Nħobb nsemmi lil Alfred Wegener, dan kullħadd tnejjek biħ meta ħareġ bit-teorija ta' Continental Drift. Illum, it-teorija tiegħu hija universalment accettata. Il-povru Wegener ma għex biżżejjed biex jara dan. Hu miet mewta eroika fis-silġ u l-kesħa ta' Greenland.

Barra minn dan it-tip ta' diskors, hemm ukoll tip ieħor, li sfortunatament għalina, ser ikollna bosta u bosta minnu: Id-diskors poilitku u l-elezjoni ġenerali.

Ajma hej! Ara kemm tal-PN ser jgħidu li mexxew il-pajjiż 'il-quddiem, ara kemm ser isemmu l-ismart city. Ara kemm ser jgħidu bl-ostra IT u internet issussidjat minn fuq dari!
Mbgħad biex ma jonqosx, ikollna ta' l-MLP, jew kif inhuma magħrafa is-socjalisti tal-Labour. Dawn ser jgħidulna kemm qedin għar milli fil-fatt qedin u kif ser iġibu l-pajjiż pupilla, migħajr korruzjoni u b'futur aħjar. Ilhom jgħidu gvern laburista ġdid... ilu ftit issa jgħidu ġdid!

U jien hawn. Nħallas l-internet bl-għoli bħal ma għamilt għal dawn l-aħħar 12 il-sena. B'riħ u mard fuqi. B'VAT minn 15% għal 18%. B'eco tax, bl-għola road tax u VAT fuqa (u dan meta m'għandiex toroq!), b'speed limits ridikoli u b'speed camera lesta biex twaħħlek Lm30 (ma nafx kemm saret f'Ewri). B'xi warden jara it-traba tiegħek u jinsa it-travi l-oħra (għax jien, miskin, individwu). Bl-ispekolaturi ta' kull tip lesti biss jerdgħu u jkunu akkomodati mill-gvern. B'airport u travel tax galor. B'inqas leave u pensjoni sa 65 sena. B'miżati għola tal-posta u courier (bħal spejjes oħra portwali). B'restaurants u l-petrol dejjem jgħolew. Bl-ispiża tas-super market dejjem tgħola... u l-istatiskika ta' l-għoli tal-ħajja dejjem l-istess. Bil-bank ma jtik xejn għal flus tiegħek u jgħidlek tiegħomli ħalli nilgħabhom fuq l-istock exchange... pero bi flusu, l-bank, ma jilgħabx għax garanziji fuq garanziji jitolbok jekk iselfek xi ħaġa!

Naħseb li nsejt xi ħaġa, pero żgur li Gonzi jinsa' iktar minni għax Gonzi: jidħak dher fuq il-posters!