Friday, June 1, 2012

Il-ħarja fuq ir-ramel

Ftit ta' żmien ilu, l-ministru tas-saħħa bagħat ritratt lit-'Times of Malta online' ta' ħarja ta' kelb fuq ir-ramel. U qalilna kemm hu totalment iddisgustat, u kif għandu raġun li l-klieb mhux posthom fuq ir-ramel. Ma noqogħdux nagħmlu bosta paroli, il-bajjiet bir-ramel saru kollha swimming zones u għalhekk, illum kelb - skond il-ministru - qatt ma għandu jgawdi r-ramel ma' sidu. Mhux qed ngħid li sid dak il-kelb għamel tajjeb, imma skond dan il-ministru, din id-daqxejn ta' ħarja ser twassal għal bosta mard u tniġġiż. X'hinu? Din id-daqxejn ta' ħarja? Ħarja li probabilment bis-sħana, bil-melħ u bir-ramel, laħqet nixfet minn x'ħin ħa ir-ritratt u bdew jiktbu bosta aktar bluha ta' kummenti fuq l-istess webpage li semmejt qabel.

U jien nsaqsi, fejn kien l-onorevoli jgħidilna fuq is-saħħa, il-bacteria u t-tniġġiż tal-baħar, meta għal snin twal ħafna, konna ilna nitfaw il-baħar dranaġġ mhux trattat? Ħafna u ħafna dranaġġ li kien ikun fih minn kollox inkluż, b'mod partikolari ħafna u ħafna eskrimenti umani, li jkun fihom parassiti u bacteria li tgħix fuq l-umani (u għalhekk iktar perikoluzi).

U nsaqsi ukoll, fejn kien l-onorevoli meta kont tara bosta jistadu 'l-barra mix-Xagħjra ta' Haż-Żabbar? Dak il-ħut mhux l-umani kienu jikluh? U dak l-istess ħut mhux dak li jarmu l-umani kienu jieklu? Dak ma kienx ta' periklu għas-saħħa?

Ma sar xejn, iżda kellna nsiru parti minn l-UE biex ta' Brussels jgħidulna xi rridu nagħmlu u b'hekk jibdew jinbidlu l-affarijiet.

Ftit ta' żmien ilu kien hemm audit fuq is-servizzi tas-saħħa u r-riżultat kien li għal dak li qed inħallsu għanda nieħdu sevizz bil-bosta aħjar. Dan l-awdituri fi ftit jiem ndunaw (u għalija, ikkonfermaw) b'dak kollu li tisma mingħand Ċikku l-Poplu, dwar nuqqas ta' servizz u korruzjoni li hemm istitwita fis-sistema tas-saħħa Maltija. Meta dan il-kliem jgħidu (miskin) Ċikku l-Poplu, dan jiġi mwarrab. Iżda issa li qaluh l-awdituri, x'għamel il-ministru? X'għamel issa li ma setax jinjora lil dawn l-awdituri li huma ta' livell ogħla minn Ċikku l-Poplu...

Ħa għalih! U miskin! Heqq, għalmenu ma ġitniex tiswa flus, iżda kif jgħidu minn jieħu għalih: iħallas!